Ġnien iċ-Ċrieki jiddistingwi ruħu bħala wieħed mill-ftit ġonna li ġew ippjanati b’tema speċifika. Maħluq mill-perit Peter Zammit, il-kunċett tiegħu jikkonsisti fi ċrieki fiċ-ċrieki, b’simboli t’aspetti soċjali u bijoloġiċi tal-ħajja umana. Barra mill-kuntrasti ta’ divertiment u rikreazzjoni, il-ġnien joffri esperjenza ta’ tagħlim permezz ta’ tliet xogħlijiet tal-arti mill-artist Joseph Barbara, li flimkien jirrappreżentaw triloġija tal-ħajja:
1. Iċ-Ċrieki tal-Univers
2. Iċ-Ċrieki Olimipiċi
3. Iċ-Ċrieki tax-Xogħol
Dawn il-biċċiet jimmiraw lejn it-temi ta’ Natura, Passjoni, u Raġuni, u juru l-importanza tal-bilanċ fil-ħajja tagħna.
Dan il-proġett kien kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-Kunsill Lokali ta’ Żejtun. Il-ġnien jinsab bejn il-Housing Estate ta’ Ganza u ta’ San Girgor, u jkopri madwar 3,000 metru kwadru t’art.